02/03/2025
Jisimni Anġlu Farrugia. Min-naħa ta’ ommi magħruf bħala Ta’ Debono u min-naħa ta’ missieri Ta’ Messa. Twelidt u noqgħod is-Siġġiewi. Attendejt l-iskola primarja tar-raħal u hemmhekk iltqajt mas-Sur Carmelo Bonello, wieħed mill-aqwa għalliema li għallimni, li ispirani biex insir għalliem. Il-qari minn dejjem kien għal qalbi wisq u bqajt nistudja. Is-Surmast tiegħi kien is-Sur Francis Ebejer li kien gwidani ħafna biex nagħżel din il-karriera. Eventwalment studjajt is-Seminarju u l-Università ta’ Malta li dak iż-żmien kienet għadha ġewwa l-Belt Valletta u mbagħad imxejt għall-Università l-ġdida. L-ewwel bdejt naħdem ġewwa skola sekondarja f’Għawdex. Wara sena bdejt naħdem fl-Iskola Teknika ta’ San Ġużepp. Għamilt żmien ngħallem l-Ingliż ukoll fl-Ingilterra. Sadanittant bqajt nagħmel iżjed eżamijiet, fosthom anke ta’ pulizija.
Minn dejjem interessajt ruħi fil-ħajja tal-komunità. Kont ngħin fiċ-ċirklu u flimkien ma’ sħabi konna norganizzaw diversi festini u taħditiet. Kienu jattendu ħafna residenti bi ħġarhom. Fis-sajf konna nagħmlu ħmistax sħaħ nikkampjaw il-Ġnejna. Fl-1987 isseħibt mal-Partit Nazzjonalista u għamilt żmien naqdi l-irwol ta’ President tas-Siġġiewi. Tgħallimt u għext ħafna esperjenzi man-nies. Kont nieħu gost nitkellem u nisma’ sfidi u realtajiet differenti. Ftit wara li waqaft minn din il-kariga, bagħtu għalija meta bdew jinbtu l-kunsilli lokali. Bdew iħajruni nikkontesta iżda ma kontx interessat billi ma kontx inqisni politiku. B’xi mod ikkonvinċewni u kkontestajt għall-elezzjoni. Kont tlajt mill-ewwel. Tul il-kariga tiegħi ffukajt ħafna fuq l-indafa u l-ambjent tal-lokalità. Spazji li fihom qabel kien jinġabar l-iskart, bdilniehom fi spazji li jistgħu jitgawdew mill-familji. Kont inħobb naħdem mat-tim kollu tiegħi għaliex nemmen li fejn ikun hemm l-għaqda, hemm is-saħħa u aktar ħidma favur is-Siġġiwin.
Nemmen li l-kunsilli lokali għandhom jingħaqdu iżjed flimkien u dejjem jaħdmu favur kulħadd, mingħajr ma jħarsu lejn l-interessi personali.
Kontribut: Rodianne Haber, Nicolai Vella u Christabelle Borg
